FRANCIS EBEJER kittieb u drammaturgu F -...
Transcript of FRANCIS EBEJER kittieb u drammaturgu F -...
-
leħħ
il-Malti
Folja elettronika b’tagħrif lingwistiku, ortografiku, grammatikali u kulturali
dwar il-lingwa Maltija maħruġa mid-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Kulleġġ San
Injazju sabiex il-lingwa tagħna tingħata l-valur li jistħoqqilha. Kull suġġeriment
u/jew diffikultà huma ġentilment milqugħa fuq [email protected]
leħħ[email protected] [email protected] [email protected] [email protected] LEĦĦ IL -MALTI [email protected]
FRANCIS EBEJER, kittieb u drammaturgu (1925-1993)
F rancis Ebejer twieled Ħad-Dingli fit-28 ta’ Awwissu 1925. Kien l-ikbar fost seba’ aħwa. Missieru u ommu kienu għalliema. Studja fl-iskola primarja tal-Gvern u fil-Liċeo. Bejn l-1942 u l-1943 Ebejer studja l-mediċina fl-Università ta’ Malta, iżda ma kompliex u beda jaħdem bħala interpretu tal-Ingliż-Taljan mal-8th Army tal-Forzi Brittaniċi fit-
Tripolitanja, fl-Afrika ta’ Fuq (1943–1944). Għamel kors ta’ sena fil-Letteratura fl-Università
ta’ Malta. Imbagħad mexa fuq il-passi ta’ missieru u sar għalliem tal-Ingliż. Wara sentejn
taħriġ f’St. Mary’s Training College, f’Middlesex, l-Ingilterra (1948–1950), hu nħatar kap tal-
iskejjel primarji tal-Gvern u baqa’ f’din il-kariga sal-1977.
Ebejer kien jikteb bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti. Beda l-karriera tiegħu permezz ta’ drammi fuq
ir-radju, televiżjoni u stejjer qosra li kienu pubblikati fi New York bejn l-1980 u l-1992, u
oħrajn imxandra fuq il-BBC. Xi xogħlijiet tiegħu nqalbu għat-Taljan, l-Olandiż u saħansitra
għall-Ġappuniż. Wara Ebejer kiteb serje ta’ novelli bl-Ingliż u tliet drammi bil-Malti.
Ebejer kien President onorarju tal-Moviment Letterarju Malti u membru tal-Kunsill tal-
Akkademja tal-Malti. Fis-snin ħamsin kien jikteb l-iżjed għar-radju, waqt li s-snin sittin raw lil
Ebejer, issa iżjed matur, jikteb ix-xogħlijiet teatrali importanti tiegħu. It-tliet opri kbar tiegħu
Vaganzi tas-Sajf (1962), Boulevard (1964), u Menz (1967). Dawn għamlu suċċess kbir u taw lil-
letteratura Maltija l-ewwel drammi intelletwali. L-aħħar dramm ta’ Francis Ebejer kien Il-Ġaħan ta' Binġemma, miktub
fl-1986 għas-Sena Internazzjonali taz-Żgħażagħ. Ebejer kiteb ukoll xi drammi bl-Ingliż, fosthom Bloddy in Bolivia u The Golden
Tut kif ukoll The Cliffhangers, li mbagħad qalbu għall-Malti bħala L-Imwarrbin.
Hu rebaħ diversi premjijiet u unuri għax-xogħlijiet teatrali kif ukoll televiżivi tiegħu. Ingħata l-Premju Letterarju Malti erba’
darbiet. Ebejer miet ħabta u sabta fl-10 ta’ Ġunju fl-1993, ta’ 68 sena.
Monument ta’ Francis Ebejer
f’raħal twelidu, Ħad-Dingli.
ta’
Ġorġ Pisani
Għad-dell tal-bugonvilla,
fil-bitħa kollha ħdura,
fejn ma taħkimx tax-xemx il-qilla,
Mananni
tgħanni
u ċċekċek iċ-ċombini tal-bizzilla.
Fuq wiċċ it-trajbu tagħha
toħloq il-ġmiel ta’ moski, ward u slaleb,
kultant ukoll xi stilla.
U hekk it-tvalja wiesgħa
minsuġa moski u fjuri,
tiżdied u tikber dejjem
sabiex fl-aħħar tinfirex
fuq l-imwejjed tal-kawba tas-sinjuri.
U taħseb, waqt ix-xogħ’l, Mananni taħseb
fl-ikel magħżul u bnin, imħawwar sewwa,
li, ġo platti tal-fidda,
ġurnata għad jitqiegħed
fuq wiċċ it-tvalja tagħha.
U l-ħsieb ta’ l-ikel sħun u ta’ l-inbid
jiftħilha dlonk l-aptit.
Għalhekk Mananni tidħol ġewwa
sabiex titrejjaq ftit
b’nofs ħobża tal-maħlut *, biż-żejt miksija,
tadam żenguli
u ġbejna tal-bżar Għawdxija.
* ħobż ismar magħmul minn dqiq kannella peress li jkun taħlita tad-dqiq tal-qamħ u tax-xgħir.